Għanafest | San Girgor – meta kważi Malta kollha kienet tiċċelebrah
17138
post-template-default,single,single-post,postid-17138,single-format-standard,ajax_fade,page_not_loaded,,qode-title-hidden,qode-theme-ver-10.1.2,wpb-js-composer js-comp-ver-5.1,vc_responsive

San Girgor – meta kważi Malta kollha kienet tiċċelebrah

Il-pellegringaġġ ta’ San Girgor ħadd ma jaf eżatt meta u għaliex beda. Hemm ħafna teoriji dwaru fosthom wegħda biex tintemm xi traġedja bħal pesta jew qirda tal-uċuħ tar-raba’, jew ringrazzjament għax maltempata tkun ħarbtet xi flotta furbana milli tattakka lill-Gżejjer Maltin.

Ilu żgur isir mill-1543 minħabba li nstab dokument notarili jiddeskrivi l-festa għalkemm hemm ħafna teoriji li jagħtu x’jifhem li din bdiet ħafna qabel. Li hu żgur hu li meta l-festa kienet għadha fl-aqwa tagħha kien jingħata bidu għalija billi f’nofsillejl jisparaw kanun mill-Imdina biex iħabbar il-bidu tagħha. Għal xi l-5am imbagħad kienet titlaq il-purċissjoni minn hemm sa ma tasal iż-Żejtun. U wara n-nies kienu jmorru jieklu u jisimgħu l-għana fil-bajjiet ta’ Marsaxlokk.

Oriġinarjament il-festa kienet tiġi ċelebrata fit-12 ta’ Marzu (id-data tal-mewt tal-Papa Girgor VII) imma l-Isqof Vincenzo Labini kien mexxa l-festa għall-ewwel Erbgħa wara l-Għid il-Kbir biex l-għors tagħha ma jaħbatx mar-Randan.

Frans Zahra miż-Żejtun, li hu xandar fuq l-RTK u riċerkatur tal-istorja Maltija, jirrakkonta dwar x’kien jiġri qabel f’din il-festa ċelebrata tista’ tgħid minn Malta kollha.
“Kienet purċissjoni kbira. Kienu jieħdu sehem il-frattellanzi kollha ta’ Malta, il-Monsinjur tal-Katidral tal-Imdina u l-ordnijiet reliġjużi kollha inkluż il-patrijiet. Għaż-Żejtun kienet festa enormi. Il-Gran Mastru Perellos kellu d-dar hawn u kien joħroġ jaraha. Anki l-Gran Mastru De Rohan kien jiġi jaraha. In-nies kienet tinġabar għax kienet imlewna.”

Spjega kif it-toroq kienu jkunu mimlija bil-bejjiegħa tal-ikel u l-ħelu.
“Kienet tkun miżgħuda b’tal-qubbajt. Kienu jarmaw Dandu l-Barbier u Ġanni l-Iskarpan li kienu jbigħu ikel bħall-pastizzi, qassati, ikel ta’ xiwi u qali. Imbagħad kien hemm iż-Żawwija li kienet tbigħ il-ħelu u l-luminati u anki kienet tikri l-banketti u l-kaxxi. Kienet purċissjoni esaġeratament twila. In-nies kienu jiġu fuq il-karrettuni tal-barrieri li kienu jkunu karrettuni twal. Kienu jintramaw banjijiet bl-ilma biex jisqu l-bhejjem. L-irġiel kienu jilbsu s-sdieri tal-ħarir u n-nisa l-għenienel.”

Jikkwota mill-poeżija ta’ Karmenu Mifsud Bonnici ‘Il-Gross’:
San Girgor, qata’ għenienel
kienu jżanżnu tal-ħarir,
f’idhom, m’għonqhom, fuq sidirhom
kemm ilellex it-tagħmir!

Zahra żied jgħid: “Il-Figollu kellu forn. In-nies kienu jintasbu fl-intrata tiegħu fuq l-ixkejjer filgħaxija biex ikunu hemm fi sbieħ il-jum. In-nies anki mill-Mellieħa kienu jiġu.”
Kienet festa importanti daqs l-Imnarja għan-namrati. Il-Gross jinnota kif fil-kuntratt taż-żwieġ, l-iktar fl-irħula, l-għarusa kienet tagħmel il-kundizzjoni li żewġha jeħodha għal dawn iż-żewġ festi.

Il-festa kienet ukoll mezz ta’ namur u ħotba. It-tfajliet kienu jilbsu l-aħjar ilbies biex jiġbdu l-attenzjoni ta’ xi ġuvni, speċjalment jekk ikun xi reffiegħ tal-istandardi. Zahra jsemmi kif meta kienu jaslu ż-Żejtun kienu jitbaxxew l-istandardi quddiem il-Knisja l-kbira ta’ Santa Katerina fil-pjazza bħala tislim ta’ qima. Imma kif ikunu fiż-żifna l-ġuvintur kienu wkoll jgħarrxu l-folla għal xi tfajla. Il-Gross kien għamel nota fil-poeżija tiegħu li l-istandardi kienu mezz ta’ kif ir-reffiegħa juru saħħithom minħabba t-toqol tagħhom – mezz ta’ kif il-ġuvintur setgħu juru rixhom bil-kapaċità tagħhom. Imma darba taret kruċetta (il-boċċa ta’ fuq tal-istandard) u l-istandard ma baqax jitbaxxa.

Matul iż-żmien il-pellegrinaġġ evolva u qsar. Il-parteċipanti bdew jiltaqgħu Raħal Ġdid fejn kienu jinqraw il-parroċċi skont l-ordni li biha se jimxu wara xulxin u jitilqu minn ħdejn is-Salib tad-Dejma għaż-Żejtun. Jgħaddu minn ħdejn Bulebel u wara għal quddiem il-Parroċċa l-Kbira ta’ Santa Katerina. Fl-1926 il-purċissjoni qalgħet daqqa ta’ ħarta kbira meta fis-7 t’April l-Isqof Caruana ddeċieda li jinqatgħu l-fratellanzi tal-parroċċi minħabba li nqala’ tilwim bejn tnejn minnhom.

Illum il-parteċipanti jitilqu minn ħdejn il-Knisja ta’ San Klement u jimxuha sal-Parroċċa. Il-Fratellanza ta’ San Ġużepp tmexxi l-purċissjoni b’niesha wiċċhom mgħotti bil-kapoċċ bħala sinjal ta’ penitenza. Warajhom jimxu l-Kapitlu Metropolitan, l-Arċisqof u l-abbatini. Jidħlu l-Knisja. Tingħad il-miseri cordia tliet darbiet u titkanta l-antifona ta’ Santa Katerina. Imbagħad jimxuha għall-Knisja magħrufa bħala ta’ San Girgor fejn tingħad miseri cordia oħra. Din is-sena l-Kunsill Malti għall-Arti flimkien mal-Kunsilli Lokali taż-Żejtun u Marsaxlokk se jtellgħu programm ta’ attivitajiet apposta fid-19 ta’ April.

Xi dati importanti marbuta ma’ x’seta’ wassal għall-pellegrinaġġ
Skont is-sit kappellimaltin.com l-Isqof Brialdu waqqaf il-purċissjoni mill-Imdina saż-Żejtun. Ismu nstab f’dokument tal-Konti Ruġġieru fl-1095, ħames snin wara li l-Għarab tkeċċew min-Normanni f’Malta.
Fl-1343 għamlet tempesta qawwija, tant li sfrundat il-Maqluba.
Fl-1429 Malta attakkawha t-Tuneżini u fl-1452 Malta nħelset minn attakk mit-Torok.
Fl-1519 Malta nħakmet mill-pesta.

L-uniku dokument uffiċjali li qatt instab dwar il-festa hu digriet reġistrat mill-Isqof Domenico Cubelles fl-1543, li ordna li jsir pellegrinaġġ annwali fit-12 ta’ Marzu, nhar il-festa ta’ San Girgor. L-għan tal-pellegrinaġġ kien talba lil Alla biex iġib il-paċi fost is-slaten Ewropej u biex il-Papa jwettaq ir-riformi meħtieġa fil-Knisja. Dak iż-żmien kien hemm għaddejja r-Riforma Protestanta, li ġabet waħda mill-agħar kriżijiet fil-Knisja Kattolika.

Il-purċissjoni li saret din is-sena kienet saret bil-kbir. Fiha ħadu sehem l-Isqof, il-Kapitlu u l-Kleru, il-Kappillani, inkluż it-tlieta Griegi li kienu waslu mal-Ordni ta’ San Ġwann 13-il sena qabel, ir-reliġjużi u n-nies inġenerali. Skont in-nutar Bonaventura de Bonetiis ħadu sehem mat-8,000 ruħ.

Fl-1575 meta ġie l-ewwel Inkwiżitur f’Malta, Mons. Pietro Dusina, 10 snin wara l-Assedju l-Kbir, kien staqsa għaliex isir dal-pellegrinaġġ u l-Maltin diġà ma kinux jafu għaliex kien isir.
Skont il-ktieb ‘Iż-Żejtun fiż-Żminijiet tan-Nofs’ maħruġ mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun, il-kult ta’ San Girgor ‘kellu għeruq sodi fil-kultura Maltija tas-seklu 15, kif jixhdu bosta testmenti ta’ Maltin qabel il-miġja tal-Kavallieri’.

No Comments

Post A Comment