Għanafest | Il-festa ta’ San Girgor ilbieraħ u llum
17128
post-template-default,single,single-post,postid-17128,single-format-standard,ajax_fade,page_not_loaded,,qode-title-hidden,qode-theme-ver-10.1.2,wpb-js-composer js-comp-ver-5.1,vc_responsive

Il-festa ta’ San Girgor ilbieraħ u llum

Il-festa ta’ San Girgor kienet waħda mill-iktar festi importanti għall-Maltin, sa kienet tkun wegħda bejn in-namrati li wara li jiżżewġu jmorru għaliha u kienet anki taqla’ ħafna pika mill-parteċipanti, bħal min se jġorr l-istandard, eċċ.

Maż-żmien bdiet tnaqqas mill-importanza, mhux biss man-nies tat-triq, imma anki mill-Knisja u l-għaqdiet reliġjużi. Sal-1926 kien hemm 12-il parroċċa jieħdu sehem fil-festa. Imbagħad inqala’ tilwim bejn żewġ parroċċi u twaqqaf sehemhom. Illum jieħdu sehem biss il-kleru u s-seminaristi, il-Kapitlu Metropolitan u l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina.

Fid-disgħinijiet l-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun bdiet ittella’ spettakli l-għada tal-Għid il-Kbir bit-tir li terġa’ tqajjem l-interess f’din il-festa. L-attivitajiet kienu jsiru fuq tlitt ijiem u kienu jibdew mill-għada tal-Għid il-Kbir. It-Tnejn kienet tittella’ l-attività ewlenija, li kienet tinvolvi narrazzjoni, mima, għana, kant u żfin, taħt il-patroċinju tal-President. Lejlet il-festa kienet tittella’ lejla Maltija u l-Erbgħa ssir il-festa.

Il-festa dejjem tiġi fl-ewwel Erbgħa wara l-Għid minkejja li l-festa proprja ta’ San Girgor hi fit-12 ta’ Marzu. Tmexxiet minħabba li dejjem kienet tiġi fir-Randan.

L-ispettakli saru fuq erba’ snin. Fl-ewwel sena saret ballata ta’ 100 strofa li kienet tirrakkonta l-istejjer tal-Knisja ta’ San Girgor akkumpanjata minn kant, żfin u mima. Il-ballata nkitbet minn Walter R. Zahra, missier Trevor Żahra. Is-sena ta’ wara Frans Zahra (m’għandux x’jaqsam maż-Zahriet l-oħra) kiteb spettaklu tal-purċissjoni.

It-tielet darba kien maħsub li jsir it-tieġ tipiku Malti imma l-maltemp ħassar kollox. Ir-raba’ attività kienet spettaklu miktub minn Frans Zahra u Oliver Friggieri bl-isem ‘Il-Wegħda’, ibbażat fuq id-drawwa qadima li fil-kuntratt tat-tieġ l-għarus iwiegħed li jieħu lil martu għal San Girgor wara li jiżżewġu.

Iż-Żejtuni Michael Aquilina kien wieħed mill-imħuħ wara din l-attività.

“L-ispettakli dejjem spiċċaw b’messaġġ – biex ma ninsewx il-wirt tagħna, nikkultivaw li għad fadal u biex il-festa ssir fuq skala nazzjonali,” qal Aquilina. Żied jgħid li l-ballati dejjem ġibdu n-nies u qalgħu kummenti tajbin u dejjem ittamaw li ma jibqgħux jittellgħu fuq skala lokali biss imma minflok kollox spiċċa fix-xejn. B’ċerta dieqa jgħid li għandu anki kitbiet tajbin f’idejh li baqgħu qatt ma ttellgħu.

Ħafna miż-Żwieten kienu jimxuha minn San Klement sa San Girgor. Imbagħad jinżlu Marsaxlokk b’tal-linja jew bil-karozza. Kienet okkażjoni biex jiltaqgħu tal-familja – anki ma’ dawk li ma kinux mir-raħal jew ma baqgħux jgħixu fih. San Girgor dam popolari u kellek dawk li kienu jieħdu l-frank mix-xogħol biex jinżlu Marsaxlokk. Kienet tattira wkoll lil dawk li jħobbu t-tombla imma anki lid-dilettanti tal-għana. Imbagħad dejjem kellek dawk il-waħdiet li jieħdu l-ewwel għawma dakinhar.

No Comments

Post A Comment